MTSENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
3 ta’ Settembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5 – Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 6 – Legalità tal-ipproċessar – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva (UE) 2017/1132 – Artikolu 14 – Dokumenti u dettalji suġġetti għall-pubblikazzjoni – Kunċett ta’ ‘persuni li jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija’ – Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data personali dwar l-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata – Azzjonisti minoritarji”
Fil-Kawża C‑798/24 [Jautiva] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Novembru 2024, fil-proċedura
A et,
fil-preżenza ta’:
Latvijas Republikas Saeima,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Kumin, S. Gervasoni u M. Bošnjak, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal A et, minn L. Liepa, advokāts,
– għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent,
– għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz, bħala aġent,
– għall-Gvern Norveġiż, minn K. E. M. Skjelland u B. Stankovic, bħala aġenti,
– għall-Parlament Ewropew, minn G. Corstens, M. Migliorati u L. Ruppeka-Rupeika, bħala aġenti,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn L. Bergere, N. Coghlan u A.-L. Meyer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, H. Kranenborg, I. Naglis u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(d)(ii) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 186, p. 80) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2017/1132”), kif ukoll il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).
2 Din it-talba taqa’ fil-kuntest ta’ rikors kostituzzjonali ppreżentat minn persuni fiżiċi li jikkontestaw il-konformità mal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja) ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data personali dwar l-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il‑Karta
3 L-Artikolu 7 tal-Karta, intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, jipprovdi:
“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”
4 L-Artikolu 8 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni tad-data personali”, jipprovdi:
“1. Kull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.
2. Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.
3. L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.”
5 L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”
Il-GDPR
6 Il-premessi 1 u 10 tal-GDPR jipprovdu:
“(1) Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal- [Karta] u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.
[…]
(10) Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]”
7 Skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, il-GDPR jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.
8 Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali, kompletament jew parzjalment awtomatizzat, u għall-ipproċessar b’mezzi mhux awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.
9 L-Artikolu 4 tal-GDPR, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(1) ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […]; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;
(2) ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;
[…]”
10 L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Id-data personali għandha:
(a) tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);
(b) tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);
(c) tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);
[…]”
11 L-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
(a) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;
[…]
(c) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;
[…]
3. Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:
(a) il-liġi tal-Unjoni, jew
(b) il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.
Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat f’dik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.”
Id-Direttiva 2017/1132
12 Il-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 2017/1132 jipprovdu:
“(7) Il-koordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligazzjonijiet li jkunu daħlu għalihom il-kumpaniji limitati b’ishma jew li diversament ikollhom responsabbiltà limitata u n-nullità tagħhom hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi.
(8) Jenħtieġ li d-dokumenti bażiċi ta’ kumpanija jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u informazzjoni oħra dwar il-kumpanija, speċjalment, id-dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija.”
13 Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri dwar dan li ġej:
– il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, huma rikjesti mill-Istati Membri mingħand il-kumpaniji fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li tali salvagwardji jsiru ekwivalenti;
– il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u terzi, huma rikjesti mill-Istati Membri, mingħand il-kumpaniji fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat, fir-rigward tal-iżvelar, il-validità tal-obbligazzjonijiet li jkunu daħlu għalihom il-kumpaniji limitati b’ishma jew li diversament ikollhom responsabbiltà limitata, u n-nullità tagħhom, bil-għan li tali salvagwardji jsiru ekwivalenti;
[…]”
14 L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni obbligatorja li trid tingħata fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni jew dokumenti separati”, jipprovdi:
“L-informazzjoni li ġejja għandha tidher għallinqas fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni jew f’dokument separat ippubblikat skont il-proċedura stabbilita fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 16:
[…]
(i) l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kumpaniji jew ditti li ffirmaw jew li ġew iffirmati f’isimhom l-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni, jew fejn il-kumpanija ma kinitx iffurmata fl-istess żmien, l-abbozzi ta’ dawk id-dokumenti;
[…]”
15 L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi:
“Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din it-Taqsima u fit-Taqsima 1A għandhom japplikaw għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness II, u, fejn speċifikat, mat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Annessi I u IIA.”
16 L-Anness II tad-Direttiva 2017/1132, li jelenka l-forom tal-kumpanniji msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13 ta’ din tal-aħħar, jirreferi, għal-Latvja, għall-“akciju sabiedrība, sabiedrība ar ierobežotu atbildību, komanditsabiedrība”, jiġifieri l-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata u s-soċjetajiet en commandite permezz ta’ azzjonijiet.
17 L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dokumenti u dettalji li jridu jiġu żvelati mill-kumpaniji”, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm l-obbligu ta’ żvelar minn kumpaniji tal-inqas tad-dokumenti u d-dettalji li ġejjin:
(a) id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat;
[…]
(d) il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skont liġi jew bħala membri ta’ kull korp bħal dak:
(i) huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali; l-iżvelar għandu jindika b’mod ċar jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jaġixxu waħedhom jew jekk għandhomx jaġixxu konġuntement;
(ii) jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.
[…]”
18 L-Artikolu 16(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iżvelar tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 isir billi jiġu magħmula pubblikament disponibbli fir-reġistru. […]”
19 L-Artikolu 64(3) u l-Artikolu 95(2) tal-istess direttiva jirrigwardaw l-obbligi tal-korp amministrattiv jew tat-tmexxija tal-kumpannija fir-rigward tal-laqgħa ġenerali, rispettivament, fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja mogħtija minn kumpannija għall-akkwist tal-azzjonijiet tagħha stess permezz ta’ terz kif ukoll fil-qasam tal-fużjoni permezz ta’ assorbiment.
Id-Direttiva 2015/849
20 L-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2024 (ĠU L, 2024/1640) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849”), jippreċiżaw il-miżuri ta’ diliġenza li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom japplikaw fir-rigward tal-klijenti tagħhom.
21 L-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:
[…]
(c) kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu.
Il-persuni jew l-organizzazzjonijiet msemmija fil -punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandu jkollhom aċċess tal-inqas għall-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-limitu tal-interess benefiċjarju miżmum.”
Id-dritt Latvjan
Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja
22 L-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja jistabbilixxi, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Skont il-ġurisprudenza tas-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), il-portata ta’ dan l-artikolu testendi għall-protezzjoni tad-data personali.
Il-Kodiċi Kummerċjali
23 L-Artikolu 8 tal-Komerclikums (il-Kodiċi Kummerċjali), intitolat “Kontenut tad-daħliet fir-reġistru tal-kummerċ”, jipprevedi, fil-punti 3 u 4 tal-paragrafu 3 tiegħu:
“(3) L-informazzjoni dwar kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha tiddaħħal fir-reġistru tal-kummerċ hija elenkata hawn taħt:
[…]
3) Il-kunjom, l-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni personali (fl-assenza ta’ numru ta’ identifikazzjoni personali, id-data tat-twelid, in-numru u d-data tal-ħruġ tad-dokument tal-identità, il-pajjiż u l-awtorità li ħarġet dan id-dokument) u l-pożizzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija b’kapital azzjonarju u l-membri tal-bord ta’ sorveljanza (meta l-kumpannija b’kapital azzjonarju jkollha bord bħal dan);
4) is-setgħa tal-membri tal-bord tad-diretturi li jorbtu lill-kumpannija individwalment jew konġuntament;
[…]”
24 L-Artikolu 12 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Pubblikazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ”, huwa fformulat kif ġej:
“(1) Id-daħliet fir-reġistru tal-kummerċ jipproduċu l-effetti tagħhom kontra terzi b’effett mill-pubblikazzjoni tagħhom. […]
[…]”
25 L-Artikolu 235 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Informazzjoni li għandha tiddaħħal fir-reġistru tal-azzjonisti,” jipprovdi:
“(1) Kull daħla fir-reġistru tal-azzjonisti għandha tindika l-isem tal-kumpannija, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-indirizz legali u, fejn applikabbli, informazzjoni dwar jekk tali kumpannija hijiex suġġetta għal proċedimenti ta’ likwidazzjoni jew insolvenza, kif ukoll it-titolu tad-dokument ‘Daħla fir-reġistru tal-azzjonisti’, u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
1) in-numru ta’ riferiment u d-data tad-daħla;
2) in-numru ta’ riferiment tar-reġistrazzjoni, bl-użu ta’ numerazzjoni konsekuttiva mill-ewwel daħla fir-reġistru tal-azzjonisti;
3) in-numri ta’ riferiment tal-azzjonijiet;
4) id-data relatata mal-azzjonisti:
(a) fil-każ ta’ persuna fiżika, il-kunjom, l-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni personali (fl-assenza ta’ numru ta’ identifikazzjoni personali, id-data tat-twelid, in-numru u d-data tal-ħruġ tad-dokument tal-identità, il-pajjiż u l-awtorità li ħarġet dan id-dokument) u l-indirizz fejn il-persuna tista’ tiġi kkuntattjata,
(b) fil-każ ta’ persuna ġuridika u soċjetà ta’ persuni, l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-indirizz legali;
5) l-indirizz elettroniku tal-azzjonist, jekk l-azzjonist ikun talab li dan jintuża mill-kumpannija għall-komunikazzjoni miegħu;
6) il-kategorija, in-numru, u l-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ kull azzjonist, u n-numru ta’ voti marbuta magħhom;
7) l-istatus ta’ rilaxx tal-azzjonijiet;
8) ir-rappreżentant konġunt tal-azzjonisti maħtur skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 157 ta’ dan il-kodiċi, b’indikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punti 4 u 5 tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu;
9) l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet akkwistati mill-kumpannija nnifisha, flimkien mar-raġunijiet għall-akkwist tagħhom.
[…]”
26 Skont l-Artikolu 268 tal-istess kodiċi, intitolat “Kompetenza tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti”:
“(1) Hija biss il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li għandha d-dritt li tieħu deċiżjonijiet dwar:
1) il-kontijiet annwali tal-kumpannija;
2) l-użu tal-profitti tas-sena preċedenti;
3) l-elezzjoni u r-revoka tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-awdituri u tal-likwidaturi;
4) it-tressiq ta’ appelli kontra l-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza kif ukoll kontra l-awditur, jew ir-rinunzja ta’ tali azzjoni, u l-ħatra ta’ rappreżentant tal-kumpannija sabiex jipproċedi bl-azzjonijiet kontra l-membri tal-bord ta’ sorveljanza;
[…]
6) l-emendi għall-istatut tal-kumpannija;
7) iż-żieda jew it-tnaqqis tal-kapital azzjonarju;
8) il-ħruġ u l-konverżjoni tat-titoli tal-kumpannija u d-depożitorju ċentrali tat-titoli li fihom huma rreġistrati l-azzjonijiet dematerjalizzati tal-kumpannija;
9) id-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza u tal-awditur;
10) it-terminazzjoni, it-tkomplija, is-sospensjoni jew it-tiġdid tal-attivitajiet tal-kumpannija jew ukoll ir-riorganizzazzjoni tal-kumpannija;
11) il-prinċipji ġenerali, it-tipi u l-kriterji għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza;
12) l-attribuzzjoni ta’ azzjonijiet tal-kumpannija lill-impjegati u lill-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza.
(2) Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti għandha tieħu deċiżjonijiet dwar suġġetti oħra biss jekk dan ikun previst mil-liġi.”
Il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi
27 L-Artikolu 4.10 tal-likums “Par Latvijas Republikas Uzņēmumu reģistru” (il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi”, intitolat “Dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru tal-impriżi”, huwa fformulat kif ġej, fil-ħames paragrafu tiegħu:
“Ir-reġistru tal-impriżi għandu jipprovdi mingħajr ħlas l-informazzjoni u d-dokumenti li jinsabu fil-parti pubblika tal-fajl tar-reġistrazzjoni (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.15) permezz ta’ trażmissjoni ta’ data online (inkluż permezz ta’ downloading bil-massa).”
28 L-Artikolu 4.11 ta’ din il-liġi, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tar-reġistru tal-impriżi”, jipprevedi, fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tiegħu:
“Ir-reġistru tal-impriżi għandu jiżgura li utent mhux identifikat ikollu aċċess pubbliku għall-iktar informazzjoni reċenti (aġġornata) fuq is-sit tal-internet tiegħu dwar persuni ġuridiċi u fatti legali rreġistrati fir-reġistri miżmuma mir-reġistru tal-impriżi:
[…]
2) informazzjoni oħra rreġistrata fir-reġistru.”
29 L-Artikolu 4.15 tal-imsemmija liġi, intitolat “Partijiet pubbliċi u mhux pubbliċi tal-fajl ta’ reġistrazzjoni”, jipprovdi:
“Il-parti pubblika tal-fajl tar-reġistrazzjoni għandha tinkludi:
[…]
2) informazzjoni oħra rreġistrata fir-reġistru.
[…]
b) informazzjoni mid-dħul fir-reġistru tal-membri (azzjonisti) ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju dwar il-membri (azzjonisti) ta’ din tal-aħħar […]
3) id-dokumenti li ġejjin li jifformaw parti mill-fajl tar-reġistrazzjoni:
a) fir-reġistru tal-kummerċ - […] id-dħul fir-reġistru tal-membri (azzjonisti), […]
Id-dokumenti u l-informazzjoni li jifformaw parti mill-fajl tar-reġistrazzjoni u li ma humiex imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu inklużi fil-parti mhux pubblika tal-fajl tar-reġistrazzjoni.
Fejn daħla fir-reġistru jew informazzjoni miżmuma tkun ingħatat l-istatus ta’ informazzjoni b’aċċess ristrett jew li d-disponibbiltà tagħha għall-pubbliku tkun ġiet ristretta b’leġiżlazzjoni, din għandha tiġi inkluża fil-parti mhux pubblika tal-fajl tar-reġistrazzjoni.
L-informazzjoni u d-dokumenti inklużi fil-parti mhux pubblika tal-fajl tar-reġistrazzjoni ([it-tieni u t-tielet paragrafu] ta’ dan l-artikolu) jikkostitwixxu informazzjoni b’aċċess ristrett, u jistgħu jinkisbu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għat-twettiq ta’ kompiti speċifikati fil-liġijiet u r-regolamenti, kif ukoll, mingħajr restrizzjonijiet, mill-[Finanšu izlūkošanas dienests (is-Servizz tal-Intelliġenza Finanzjarja)] u mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet l-oħra għandhom jippreżentaw talba motivata. L-individwi għandhom jitolbu l-informazzjoni u d-dokumenti li jinsabu fil-parti mhux pubblika tal-fajl tar-reġistrazzjoni skont il-proċedura għat-talba ta’ informazzjoni ristretta prevista fl-[Informācijas atklātības likums (il-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni)].”
Il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus
30 L-Artikolu 5.1 tan-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus”), intitolat “Aċċessibbiltà tal-informazzjoni neċessarja għall-osservanza tar-rekwiżiti tal-liġi, provenjenti mis-sistemi ta’ informazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom taħt din il-liġi, l-entitajiet marbuta b’obbligu u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll għandhom id-dritt li jitolbu u li jiksbu online fajls u informazzjoni dwar il-membri u l-benefiċjarji effettivi li jinsabu fir-reġistri miżmuma mir-reġistru tal-impriżi tar-Repubblika tal-Latvja, li jżommu u jipproċessaw barra minn hekk din l-informazzjoni sabiex jevalwaw id-data dwar il-klijent u l-imsieħba kummerċjali tiegħu u n-neċessità li jirrapportaw tranżazzjoni suspettuża lis-servizz tal-intelliġenza finanzjarja jew li tali tranżazzjoni ma ssirx, kif ukoll li jiddeterminaw jekk il-klijent huwiex is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza ta’ persuni ġuridiċi jew tqegħidx f’sitwazzjoni ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja.”
Il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Internazzjonali u Nazzjonali
31 L-Artikolu 5 tal-iStarptautisko un Latvijas Republikas nacionālo sankciju likums (il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Internazzjonali u Nazzjonali tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sanzjonijiet Internazzjonali u Nazzjonali”), intitolat “Restrizzjonijiet finanzjarji”, jipprevedi:
“Meta s-sanzjonijiet nazzjonali jimponu restrizzjonijiet finanzjarji fuq il-persuna ssanzjonata, il-persuni kollha, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, għandhom immedjatament u mingħajr notifika minn qabel:
1) jiffriżaw il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, proprjetà tal-persuna ssanzjonata, fil-pussess, miżmuma jew ikkontrollati minn din tal-aħħar, inklużi terzi li jaġixxu f’isimha jew skont l-istruzzjonijiet tagħha;
2) ma jagħmlux il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuna ssanzjonata, inklużi terzi li jaġixxu f’isimha, skont l-istruzzjonijiet tagħha jew għall-benefiċċju tagħha;
3) ma jipprovdux is-servizzi finanzjarji kif koperti mis-sanzjonijiet nazzjonali lill-persuna ssanzjonata, inkluż lil terzi li jaġixxu f’isimha, skont l-istruzzjonijiet tagħha jew għall-benefiċċju tagħha.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
32 Sbatax-il persuna fiżika adixxew lis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni li tikkontesta l-konformità mal-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, li jiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, ta’ dispożizzjoni nazzjonali, jiġifieri l-punt 2(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.15 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi, moqri flimkien mal-ħames paragrafu tal-Artikolu 4.10 ta’ din il-liġi u l-Artikolu 235(1) tal-Kodiċi Kummerċjali.
33 Skont din id-dispożizzjoni, ċerta informazzjoni dwar l-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Jekk tali azzjonist ikun persuna fiżika, din l-informazzjoni għandha tinkludi l-kunjom, l-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni personali jew, fin-nuqqas ta’ tali numru, id-data tat-twelid, in-numru u d-data tal-ħruġ ta’ dokument tal-identità, il-pajjiż u l-awtorità emittenti, kif ukoll l-indirizz fejn l-azzjonist jista’ jiġi kkuntattjat. Barra minn hekk, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-azzjonist huwiex persuna fiżika, l-imsemmija informazzjoni għandha tinkludi wkoll l-indirizz elettroniku tal-azzjonist, meta dan ikun talab li dan jintuża mill-kumpannija li tagħha huwa għandu azzjonijiet għall-finijiet ta’ komunikazzjoni miegħu, il-kategorija, in-numru u l-valur nominali tal-azzjonijiet tiegħu, kif ukoll in-numru ta’ voti marbuta magħhom. L-istess informazzjoni hija aċċessibbli online u tista’ titniżżel bil-massa, b’mod partikolari minn kull utent mhux identifikat, skont kif previst fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.11 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi.
34 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata. Huma jsostnu li l-leġiżlatur Latvjan ma eżaminax u lanqas ma ġġustifika n-neċessità li tiġi żvelata l-informazzjoni kkonċernata lill-pubbliku, filwaqt li sa minn wara l-pubblikazzjoni tagħha, ebda restrizzjoni għall-użu sussegwenti tagħha ma hija possibbli u hemm riskju għoli li din tintuża għal finijiet diżonesti. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, iktar ’il quddiem is-“sentenza Luxembourg Business Registers”), l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni huwa inġustifikat u sproporzjonat, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali la huma benefiċjarji effettivi tal-kumpannija kkonċernata, u lanqas membri tal-korpi ta’ tmexxija tagħha, u huma la għandhom id-dritt u lanqas il-possibbiltà li jeżerċitaw kontroll fuq din il-kumpannija.
35 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar jekk il-pubblikazzjoni tad-data personali inkwistjoni quddiemha hijiex meħtieġa skont id-Direttiva 2017/1132 u, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 14(d)(ii) tagħha, li jirrigwarda dokumenti jew dettalji li jikkonċernaw il-persuni li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll tal-kumpannija. Jekk dan ikun il-każ, din il-qorti tqis li jkun neċessarju li tiġi vverifikata l-validità ta’ tali obbligu ta’ pubblikazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.
36 Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi dwar jekk Stat Membru jistax, mingħajr ma jikser id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu u kif ukoll dawk tal-Karta, jipprevedi fid-dritt nazzjonali tiegħu tali obbligu ta’ pubblikazzjoni sabiex jintlaħqu għanijiet bħal dawk imressqa mil-Latvijas Republikas Saeima (il-Parlament Latvjan), jiġifieri, l-ewwel, li tiġi ggarantita klima tan-negozju trasparenti u jiġu protetti l-interessi ta’ terzi, it-tieni, li jiġi prekluż il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u kif ukoll, it-tielet, li tiġi pprovduta l-informazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-aċċess għad-data inkwistjoni ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni bħal, b’mod partikolari, il-prova ta’ interess leġittimu.
37 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) L-espressjoni ‘persuni li jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija’, użata fl-Artikolu 14(d) tad-[Direttiva 2017/1132], għandha tiġi interpretata fis-sens li din tkopri kull azzjonist ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, b’tali mod li Stat Membru huwa obbligat li jiżvela informazzjoni dwar kull azzjonist ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata billi jagħmilha pubblikament disponibbli f’reġistru konformement mal-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 14(d)(ii) tad-Direttiva 2017/1132, sa fejn dan jipprevedi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar kull azzjonist ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, huwa validu fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta u f’dak tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit fl-Artikolu 8 tal-Karta?
3) L-Artikolu 5(1)(b) tal-[GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar tad-data personali dwar l-azzjonisti ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jista’ jitwettaq bil-għan, l-ewwel nett, li tiġi ggarantita klima tan-negozju trasparenti u sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ terzi, it-tieni nett, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni, u, it-tielet nett, li tiġi pprovduta l-informazzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni?
4) Il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 5(1) tal-[GDPR] jippermettu li Stat Membru jipprevedi, għall-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, qafas regolatorju li abbażi tiegħu kull persuna tista’ tikseb id-data personali ta’ kull azzjonist ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata mingħajr ma tkun obbligata li turi li għandha interess leġittimu li tikseb tali data?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
38 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2017/1132 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-azzjonisti kollha tal-kumpanniji msemmija f’din id-dispożizzjoni, inklużi l-azzjonisti minoritarji ta’ tali kumpanniji.
39 Skont l-imsemmija dispożizzjoni, li tapplika għat-tipi ta’ kumpanniji msemmija fl‑Artikolu 13 tad-Direttiva 2017/1132, jiġifieri dawk elenkati b’mod partikolari fl-Anness II tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dawn il-kumpanniji jippubblikaw b’mod obbligatorju tal-inqas id-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-ħatra, it-tmiem tal-kariga kif ukoll l-identità tal-persuni li, bħala korp legalment previst jew membri ta’ tali korp, għandhom is-setgħa li jorbtu lill-kumpannija fir-rigward ta’ terzi u li jirrappreżentawha quddiem il-qrati, jew li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll tal-kumpannija.
40 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Slagelse Almennyttige Boligselskab, Afdeling Schackenborgvænge, C‑417/23, EU:C:2025:1017, punt 76).
41 Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2017/1132, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni la ssemmi espressament l-azzjonisti u lanqas il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għall-“ħatra”, għat-“tmiem ta’ kariga” u għall-“identità” tal-persuni li, bħala korp previst skont il-liġi, jew bħala membri ta’ tali korp, huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpannija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċeduri ġudizzjarji u/jew jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll tal-kumpannija. Issa, kif irrilevaw il-Gvern Latvjan u dak Pollakk, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-azzjonisti ta’ kumpannija ma humiex maħtura jew imneħħija mill-funzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, l-istatus tagħhom jirriżulta mis-sempliċi sehem tagħhom fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija, jiġifieri mid-dritt għall-proprjetà tagħhom fuq azzjonijiet maħruġa minn din il-kumpannija, u huwa differenti, f’dan ir-rigward, minn dak tal-persuni maħtura sabiex iservu fi ħdan il-korpi amministrattivi u ta’ tmexxija tal-imsemmija kumpannija u sabiex jirrappreżentaw lil din tal-aħħar fir-relazzjonijiet tagħha ma’ terzi.
42 Fir-rigward tal-kuntest tal-istess dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2017/1132, bħall-Artikolu 64(3) u l-Artikolu 95(2) ta’ din id-direttiva, jirriflettu d-distinzjoni terminoloġika, magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bejn il-korpi amministrattivi u ta’ tmexxija, minn naħa, u l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, min-naħa l-oħra. Għalhekk, minkejja li din il-laqgħa ġenerali għandha ċerti prerogattivi ta’ deċiżjoni, dawn ma għandhomx l-istess natura bħas-setgħat eżerċitati mill-korpi amministrattivi u ta’ tmexxija tal-kumpannija, b’tali mod li la d-dokumenti tal-imsemmija laqgħa ġenerali u lanqas, permezz tagħha, dawk tal-membri tagħha, ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala li “jieħdu parti fl-amministrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 14(d)(ii) tal-imsemmija direttiva.
43 Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 2017/1132, li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 4(i) tagħha, jeħtieġ il-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ kostituzzjoni kif ukoll tal-istatuti ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, peress li dawn id-dokumenti għandhom isemmu l-identità tal-firmatarji tagħhom, li jistgħu jinkludu l-azzjonisti inizjali ta’ din il-kumpannija, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma teżiġi espressament pubblikazzjoni fil-każ ta’ bidla sussegwenti fil-kompożizzjoni tal-azzjonisti ta’ tali kumpannija.
44 Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2017/1132, mill-premessi 7 u 8 kif ukoll mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-iżvelar previst minnha huwa intiż li jipproteġi b’mod partikolari l-interessi ta’ terzi meta mqabbla mal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u mal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, peress li dawn joffru bħala garanzija fir-rigward ta’ terzi biss il-patrimonju tal-kumpannija tagħhom. Għal dan il-għan, dan l-iżvelar għandu jippermetti li t-terzi jkunu jistgħu jiġu informati bid-dokumenti essenzjali tal-kumpannija kkonċernata u b’ċerti dettalji li jikkonċernawha, bħall-identità tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu lill-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata, C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 77).
45 Barra minn hekk, l-għan tal-istess direttiva huwa li tiżgura ċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji u t-terzi bl-għan li jintensifikaw il-flussi tan-negozju bejn l-Istati Membri wara l-ħolqien tas-suq intern. Minn din il-perspettiva, huwa importanti li kull persuna li tixtieq tistabbilixxi u tkompli relazzjonijiet kummerċjali ma’ kumpanniji li jinsabu fi Stati Membri oħra tkun tista’ faċilment issir taf bid-data essenzjali dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji kummerċjali u dwar is-setgħat tal-persuni inkarigati jirrappreżentawhom, li jeħtieġ li d-data rilevanti kollha tkun tinsab b’mod espliċitu fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 16(3) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata, C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Issa, f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni ta’ data relatata mal-azzjonisti kollha ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata u, b’mod partikolari, mal-azzjonisti minoritarji tagħhom ma tidhirx li hija utli fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi u taċ-ċertezza legali, u għalhekk ma tistax tiġi ġġustifikata minn dan l-għan. Fil-fatt, peress li l-azzjonisti minoritarji ma humiex, bħala prinċipju, awtorizzati jirrappreżentaw kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, la li jorbtuha fir-rigward ta’ terzi u lanqas li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ sorveljanza, kuntrarjament għall-membri tal-korpi amministrattivi u ta’ tmexxija ta’ tali kumpannija, id-data dwar dawn l-azzjonisti kollha tidher irrilevanti għal dawn it-terzi.
47 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2017/1132 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-azzjonisti kollha tal-kumpanniji msemmija f’din id-dispożizzjoni, inklużi l-azzjonisti minoritarji ta’ tali kumpanniji.
Fuq it-tieni domanda
48 Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
49 Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data personali dwar l-azzjonisti kollha, inklużi l-azzjonisti minoritarji, ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, li tirrigwarda l-identità ta’ kull wieħed minn dawn l-azzjonisti, id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu, il-kategorija, in-numru u l-valur nominali tal-azzjonijiet tiegħu u n-numru ta’ voti marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet, sabiex tiġi żgurata klima tan-negozju trasparenti għall-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, kif ukoll sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni, meta l-aċċess għal din id-data ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, bħal dik li jintwera interess leġittimu.
50 B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, konformement mal-għan imfittex mill-GDPR, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, li jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, b’mod partikolari, ikun konformi mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ tali data stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR u jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità elenkati fl-Artikolu 6 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punti 21 u 22, kif ukoll tat‑3 ta’ April 2025, Ministerstvo zdravotnictví (Data dwar ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika), C‑710/23, EU:C:2025:231, punti 29 u 33).
51 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1)(a) tal-GDPR jipprovdi li d-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data.
52 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-finijiet tal-ipproċessar tad-data personali, tali data għandha, minn naħa, tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u, min-naħa l-oħra, ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawn il-finijiet. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jimplika b’mod partikolari, qabelxejn, li l-finijiet tal-ipproċessar jiġu identifikati mhux iktar tard mill-ġbir tad-data personali, sussegwentement, li l-finijiet ta’ dan l-ipproċessar ikunu stabbiliti b’mod ċar u, fl-aħħar nett, li l-finijiet tal-imsemmi pproċessar jiggarantixxu, b’mod partikolari, il-legalità tal-ipproċessar ta’ din id-data, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi, C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, din id-data għandha wkoll tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata. Dan il-prinċipju huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali. Għalhekk, sabiex ikun jista’ jitqies leġittimu, ipproċessar għandu jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali jekk, u sakemm, is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu għal dan l-ipproċessar għal fini waħda jew għal diversi finijiet speċifiċi. Fl-assenza ta’ tali kunsens, jew meta dan il-kunsens ma jkunx ingħata b’mod liberu, speċifiku, informat u inekwivoku, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, tali pproċessar jista’ madankollu jkun iġġustifikat meta dan ikun jissodisfa wieħed mir-rekwiżiti ta’ neċessità msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. F’dan il-kuntest, il-ġustifikazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, sa fejn dawn jippermettu li pproċessar ta’ data personali mwettaq fl-assenza tal-kunsens tas-suġġett tad-data jsir legali, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun possibbli li jiġi kkonstatat li pproċessar ta’ data personali jkun neċessarju fid-dawl ta’ waħda mill-ġustifikazzjonijiet previsti fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ma jkunx hemm lok li jiġi ddeterminat jekk dan l-ipproċessar jaqax ukoll taħt waħda oħra minn dawn il-ġustifikazzjonijiet (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli u li għalhekk għandha tiġi kklassifikata bħala data personali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Huwa stabbilit ukoll li din l-informazzjoni hija s-suġġett ta’ pproċessar, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, sa fejn din titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, u li dan l-ipproċessar, li huwa ta’ natura awtomatizzata, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu.
58 Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u għandu għalhekk jiġi eżaminat fid-dawl tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, li jipprovdi li pproċessar huwa legali jekk, u sa fejn, ikun “meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur”.
59 L-Artikolu 6(3) tal-GDPR jispeċifika, b’mod partikolari, li, f’dan il-każ, l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u li l-finijiet tal-ipproċessar għandhom jiġu ddefiniti f’din il-bażi legali. Din għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex. Peress li dawn ir-rekwiżiti jikkostitwixxu espressjoni ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 69, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata, C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 104).
60 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u għandhom jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. Jistgħu għalhekk isiru limitazzjonijiet, sakemm, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikunu previsti mil-liġi u josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105; tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 70, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proporzjonalità ta’ miżuri li minnhom jirriżulta ndħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta teħtieġ l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ neċessità kif ukoll ta’ dak dwar in-natura proporzjonata ta’ dawn il-miżuri meta mqabbla mal-għan imfittex (sentenza Luxembourg Business Registers, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 B’mod iktar speċifiku, id-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jiġi segwit mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi rrikkonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura magħżula, u dan billi jsir ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tal-indħil li tinvolvi tali limitazzjoni u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minn din il-limitazzjoni tkun marbuta ma’ din il-gravità (sentenza Luxembourg Business Registers, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Barra minn hekk, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi wkoll regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li hija tipprevedi u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta b’mod effikaċi kontra r-riskji ta’ abbuż. B’mod partikolari, din għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tkun tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, b’mod li jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Luxembourg Business Registers, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fl-ewwel lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-finijiet, stabbilit fl-Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, u jekk il-finijiet tal-ipproċessar humiex iddefiniti fil-bażi legali rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan ir-rigward tal-aħħar, huwa importanti li l-fini jew il-finijiet inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu ddefiniti b’mod suffiċjentement ċert fid-dawl tat-test tal-leġiżlazzjoni kkonċernata jew tal-kuntest leġiżlattiv li fih din taqa’.
65 Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk din il-bażi legali tissodisfax ir-rekwiżiti l-oħra li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tal-GDPR u mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 59 sa 63 ta’ din is-sentenza u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta mill-imsemmija bażi legali.
66 Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn ir-rekwiżiti l-oħra humiex issodisfatti, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża adita biha u li tipprovdi, jekk ikun il-każ, preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-imsemmija qorti fl-eżami tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse, C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 51).
67 F’dan ir-rigward, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-komunikazzjoni ta’ data personali lil terzi, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom ta’ tali data, tikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament mill-użu ulterjuri tal-informazzjoni kkomunikata. F’dan ir-rigward, ftit jimporta jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata tkunx ta’ natura sensittiva jew le, jew li l-persuni kkonċernati jkunux batew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 96, u sentenza Luxembourg Business Registers, punt 39).
68 F’dan il-każ, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali telenka preċiżament id-data personali li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b’tali mod li l-indħil li jirriżulta minnha huwa previst mil-liġi, jeħtieġ ukoll, minn naħa, li titkejjel il-gravità ta’ dan l-indħil u, min-naħa l-oħra, li jiġi eżaminat jekk l-importanza tal-għanijiet ta’ interess ġenerali allegatament imfittxija hijiex marbuta ma’ din il-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 98).
69 B’hekk, minn naħa, fir-rigward tal-gravità ta’ tali ndħil, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tad-data personali inkwistjoni, b’mod partikolari n-natura eventwalment sensittiva ta’ din id-data, kif ukoll in-natura u l-modalitajiet konkreti tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni, b’mod partikolari n-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għal din id-data u l-modalitajiet ta’ aċċess għaliha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn id-data mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tirrigwarda b’mod partikolari l-identità ta’ kull azzjonist, id-dettalji tiegħu, il-kategorija, in-numru u l-valur nominali tal-azzjonijiet li huwa għandu kif ukoll in-numru ta’ voti marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet, tali data tista’ tippermetti li jitfassal profil li jikkonċerna, fost oħrajn, l-istat ta’ ġid tal-persuna kkonċernata kif ukoll is-setturi ekonomiċi u l-impriżi speċifiċi li fihom hija tinvesti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Luxembourg Business Registers, punt 41).
71 Ma’ dan jiżdied il-fatt li huwa inerenti għal tali tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li din id-data tkun għalhekk aċċessibbli għal numru potenzjalment illimitat ta’ persuni, b’tali mod li l-ipproċessar tagħha jista’ jippermetti wkoll lil persuni, li, għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-għan imfittex minn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, ifittxu li jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni b’mod partikolari materjali u finanzjarja ta’ tali azzjonist, li jaċċedu liberament għall-imsemmija data. Din il-possibbiltà ssir iktar faċli meta d-data inkwistjoni tkun tista’ tiġi kkonsultata fuq l-internet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Luxembourg Business Registers, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
72 Barra minn hekk, il-konsegwenzi potenzjali għall-persuni kkonċernati li jirriżultaw mill-użu abbużiv eventwali tad-data tagħhom huma aggravati mill-fatt li, ladarba titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, din id-data tkun tista’ mhux biss tiġi kkonsultata liberament, iżda wkoll tinżamm u tiġi mxerrda u li, fil-każ ta’ tali pproċessar suċċessiv, isir iktar diffiċli, jew saħansitra illużorju, għal dawn il-persuni li jiddefendu ruħhom b’mod effikaċi kontra abbużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Luxembourg Business Registers, punt 43).
73 Għaldaqstant, għalkemm ma jippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi madankollu, u fi kwalunkwe każ, indħil gravi f’dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Luxembourg Business Registers, punti 44 u 54).
74 Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 sa 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet imressqa mill-Parlament Latvjan quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jiġġustifika l-miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu kklassifikati bħala għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni. Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax ir-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ neċessità, kif ukoll dik dwar in-natura proporzjonata ta’ din il-miżura meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, fis-sens tal-punt 61 ta’ din is-sentenza.
75 Fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita klima tan-negozju trasparenti sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ terzi, għandu jiġi rrilevat li dan jidher li jikkorrispondi, essenzjalment, mal-għan imfittex mill-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mwettqa fl-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2017/1132, moqri fid-dawl tal-premessi 7 u 8 tagħha.
76 Issa, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-pubblikazzjoni ta’ data relatata mal-azzjonisti kollha ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u, b’mod partikolari, mal-azzjonisti minoritarji tagħha ma tidhirx li hija utli fir-rigward ta’ dan l-għan. Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tidher xierqa u lanqas neċessarja sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan u ma tistax, għaldaqstant, tiġġustifika l-indħil gravi fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, imsemmi fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.
77 Fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, għandu jiġi kkonstatat li l-aċċess tal-pubbliku għad-data kkonċernata huwa adattat sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tiegħu, minħabba l-fatt li n-natura pubblika ta’ dan l-aċċess u t-trasparenza ikbar li tirriżulta minnu jipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ ambjent li huwa inqas suxxettibbli li jintuża għal tali finijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Luxembourg Business Registers, punt 67).
78 Madankollu, tali aċċess ma jistax jitqies li huwa strettament neċessarju meta dan l-għan jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi b’mezzi oħra, li jippreġudikaw inqas id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għal data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 87).
79 Fil-fatt, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva taqa’ primarjament fuq l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll fuq l-entitajiet, bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji, li, minħabba l-attivitajiet tagħhom, għandhom obbligi speċifiċi f’dan il-qasam (sentenza Luxembourg Business Registers, punt 83), bħal dawk li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva 2015/849.
80 F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849, li l-formulazzjoni tiegħu tirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 74 tad-Direttiva 2024/1640, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha, b’mod partikolari, “għal kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu”, u mhux għall-pubbliku kollu kemm hu.
81 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni li, għall-finijiet tat-tfittxija tal-għan imsemmi fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, tippermetti l-aċċess għal data personali għall-membri tal-pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw interess leġittimu tista’, bħala prinċipju, tillimita l-indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għal dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2026, Across Fiduciaria et, C‑684/24 u C‑685/24, EU:C:2026:410, punt 106).
82 Issa, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ azzjonisti minoritarji li ma għandhomx il-kwalità ta’ benefiċjarji effettivi tal-kumpannija li tagħha huma għandhom parti mill-kapital azzjonarju, ma jidhirx għalhekk, a fortiori, li huwa strettament neċessarju li data personali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun aċċessibbli għal kull persuna, mingħajr ma din tal-aħħar ikollha turi interess leġittimu.
83 F’tali kuntest, għalkemm il-qorti tar-rinviju tindika li r-reġistru tal-impriżi nazzjonali, li huwa l-kontrollur, jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jivverifika jekk kull applikant għal informazzjoni għandux effettivament interess leġittimu li jaċċedi għad-data personali kkonċernata, għandu jitfakkar li eventwali diffikultajiet prattiċi marbuta mal-verifika tal-eżistenza ta’ interess leġittimu ma humiex ta’ natura li juru n-natura strettament neċessarja ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑205/98, EU:C:2000:493, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C‑418/07, EU:C:2008:659, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
84 Fir-rigward tal-ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali mfittex u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali inkwistjoni, għandu jingħad ukoll li, għalkemm il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva tista’ tiġġustifika, b’mod ġenerali, indħil, anki gravi, f’dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Luxembourg Business Registers, punti 58 u 59), dan l-għan ma jistax jipprevali, f’dan il-każ, fuq l-imsemmija drittijiet, fid-dawl tan-natura u tal-gravità tal-indħil ikkonstatat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.
85 F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex akkumpanjata minn garanziji suffiċjenti li jippermettu li l-persuni kkonċernati jiġu protetti b’mod effikaċi kontra r-riskji ta’ abbuż, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, id-data personali tagħhom hija aċċessibbli fuq l-internet u tista’ tkun is-suġġett ta’ downloading bil-massa, b’mod partikolari minn kull utent mhux identifikat, li jżid tali riskji.
86 Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tidher neċessarja u lanqas proporzjonata meta mqabbla mal-għan ikkonċernat, fis-sens tal-punt 61 ta’ din is-sentenza.
87 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-provvista tal-informazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija wkoll adattata sabiex tikkontribwixxi sabiex dan l-għan jintlaħaq. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li t-trasparenza ikbar li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tiffaċilita din l-implimentazzjoni.
88 Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-aċċess tal-pubbliku għad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li huwa strettament neċessarju għal dan l-għan, peress li jidher li hemm mezzi li jippreġudikaw inqas id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jistgħu jkunu disponibbli.
89 Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tali mezz li jippreġudika inqas jista’ jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni jiġi ristrett għad-data dwar il-persuni li jidhru fil-listi ta’ sanzjonijiet u f’li jiġi permess aċċess għal data dwar azzjonisti li ma tinsabx f’dawn il-listi biss għal persuni li juru interess leġittimu f’dan ir-rigward.
90 Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija, rispettivament, fil-punti 84 u 85 ta’ din is-sentenza, l-għan ta’ interess ġenerali mfittex ma jistax jipprevali, f’dan il-każ, fuq id-drittijiet fundamentali inkwistjoni u leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludix garanziji suffiċjenti li jippermettu li l-persuni kkonċernati jiġu protetti b’mod effikaċi kontra r-riskji ta’ abbuż.
91 Għalhekk, tali leġiżlazzjoni la tidher neċessarja u lanqas proporzjonata fir-rigward tal-għan ikkonċernat, fis-sens tal-punt 61 ta’ din is-sentenza.
92 Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data personali dwar l-azzjonisti kollha, inklużi l-azzjonisti minoritarji, ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, li tirrigwarda l-identità ta’ kull wieħed minn dawn l-azzjonisti, id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu, il-kategorija, in-numru u l-valur nominali tal-azzjonijiet tiegħu u n-numru ta’ voti marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet, sabiex tiġi żgurata klima tan-negozju trasparenti għall-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, kif ukoll sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni, meta l-aċċess għal din id-data ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, bħal dik li jintwera interess leġittimu.
Fuq l-ispejjeż
93 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 14(d) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 fuq ċerti aspetti tad-dritt tal-kumpaniji kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni relatata ma’ kull azzjonist tal-kumpanniji koperti minn dik id-dispożizzjoni, inklużi l-azzjonisti minoritarji ta’ tali kumpanniji.
2) L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data personali dwar l-azzjonisti kollha, inklużi l-azzjonisti minoritarji, ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, li tirrigwarda l-identità ta’ kull wieħed minn dawn l-azzjonisti, id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu, il-kategorija, in-numru u l-valur nominali tal-azzjonijiet tiegħu u n-numru ta’ voti marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet, sabiex tiġi żgurata klima tan-negozju trasparenti għall-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, kif ukoll sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, meta l-aċċess għal din id-data ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, bħal dik li jintwera interess leġittimu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.