Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MARTÍN y PÉREZ DE NANCLARES
ippreżentati fil‑21 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża T‑903/25
Grotta Nuova
vs
Skatteministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Artikoli 14 u 24 tad-Direttiva 2006/112/KE – Kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi – Provvista unika – Provvista prinċipali u provvista anċillari – Realizzazzjoni ta’ xogħol kompost minn diversi elementi – Suġġett tat-tranżazzjoni – Artikoli 81, 103 u 311 kif ukoll il-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 – Klassifikazzjoni tax-xogħol bħala ‘skultura’”
Werrej
I. Introduzzjoni
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
B. Id-dritt Daniż
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talba għal deċiżjoni preliminari
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali
V. Analiżi ġuridika
A. L-eżistenza ta’ provvista unika
1. Tfakkira tal-ġurisprudenza
2. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza
B. Il-klassifikazzjoni tal-provvista unika
1. Tfakkira tal-ġurisprudenza
2. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza
C. Is-suġġett tal-provvista unika
1. Tfakkira tal-ġurisprudenza
2. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza
VI. Konklużjoni
I. Introduzzjoni
1. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑1985 fil-kawża Onnasch, l-Avukat Ġenerali Carl Otto Lenz, li għandu l-gratitudni sħiħa tiegħi għas-sostenn akkademiku, li minnu jiena kelli l-unur li nibbenefika, u għall-ispirazzjoni li huwa jkompli joffri, ikkonstata, filwaqt li rriproduċa l-argument tal-Kummissjoni Ewropea, li “l-kreazzjoni artistika vera fil-Komunità ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi protetta jew inkoraġġuta bit-tariffa doganali” (2). Din il-konstatazzjoni tidher li ħarġet mill-idea li l-interessi purament finanzjarji ma għandhomx effett fuq il-ġenju artistiku. Xorta jibqa’ l-fatt li tali interessi huma evidentement preżenti fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti, kif turi tajjeb ħafna din il-kawża.
2. Din tqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li tista’ tolqot diversi servizzi kklassifikati, mill-qorti tar-rinviju, bħala “provvista unika”. B’mod iktar preċiż, hemm inkwistjoni t-trattament fiskali tas-servizzi pprovduti mill-impriża ta’ artist Daniż, jiġifieri d-disinn u r-realizzazzjoni ta’ installazzjoni artistika fil-bitħa interna ta’ skola, li tinkludi l-ħolqien ta’ spazju b’kisi tal-konkrit, ta’ żoni ta’ żrar, ta’ padiljuni, ta’ skulturi u ta’ parti akwatika, l-iżvilupp tal-pajżaġġ kif ukoll ir-rinnovazzjoni tal-bay window tal-iskola li tagħti fuq il-bitħa interna (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni inkwistjoni”). Skont ir-risposti tal-Qorti Ġenerali, dawn il-provvisti jistgħu jkunu kompletament eżentati mill-VAT jew suġġetti għal din it-taxxa bir-rata normali, jew saħansitra b’rata mnaqqsa.
3. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju trid tiddetermina jekk il-provvista unika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “kunsinna ta’ oġġetti” jew “provvista ta’ servizzi”. Fil-każ li din għandha titqies li hija kunsinna ta’ oġġetti, hija tistaqsi, barra minn hekk, jekk is-suġġett ta’ din il-kunsinna huwiex il-kunsinna ta’ “xogħol tal-arti”.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
4. Il-fatti ta’ din il-kawża żvolġew bejn l‑2014 u l‑2016. B’mod iktar preċiż, fl‑2014, il-fornitur tat-tranżazzjoni inkwistjoni kkonkluda kuntratt mad-destinatarju tagħha, imbagħad stabbilixxa u ppreżenta skizzi u mudelli. Il-kuntratt ġie ffirmat f’Ottubru 2015. L-imsemmija tranżazzjoni ġiet ipprovduta fil-bidu tas-sena 2016, qabel l-inawgurazzjoni tagħha fix-xahar ta’ Marzu ta’ dik is-sena.
5. Matul il-perijodu ta’ bejn il-bidu tax-xogħlijiet u l-kunsinna tat-tranżazzjoni inkwistjoni, id-Direttiva 2006/112/KE (3) kienet tapplika fil-verżjoni tagħha emendata l-aħħar bid-Direttiva 2013/61/UE (4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”), filwaqt li jiġi ppreċiżat li, f’din il-verżjoni tad-Direttiva, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kawża ma kinux ġew emendati meta mqabbla mal-verżjoni inizjali tagħhom. Fil-frattemp, xi wħud minnhom ġew emendati jew imħassra bid-Direttiva (UE) 2022/542 (5).
6. Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 “‘[p]rovvista ta’ merkanzija’ [kunsinna ta’ oġġetti] għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli [tas-setgħa li persuna tiddisponi minn oġġett tanġibbli l-istess bħal proprjetarju]”. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, “‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti].”
7. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, “jipprovdu li fir-rigward tal-provvista [kunsinna] ta’ xogħlijiet ta’ l-arti, kif imsemmija fl-Artikolu 103(2), l-ammont taxxabli għandu jkun daqs frazzjoni ta’ l-ammont stabbilit skond l-Artikoli 73, 74, 76, 78 u 79”.
8. Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol tal-arti”, l-Artikolu 103(1) tad-Direttiva 2006/112 jagħmel riferiment għall-punti (2), (3) u (4) tal-Artikolu 311(1) tal-istess direttiva. Dan il-punt (2) jipprevedi li, xogħlijiet tal-arti tfisser “il-merkanzija [l-oġġetti] elenkata fl-Anness IX il-Parti A”.
9. Il-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 jirrigwarda “skulturi u statwi oriġinali, maħgmula f’kwalunkwe materjal, sakemm dawn ikunu maħduma kollha kemm huma mill-artist; kasti ta’ skulturi […] (kodiċi NM 9703 00 00 ); […]”.
10. Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 (6) japplika, f’dan il-każ, fil-verżjoni tiegħu kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1001/2013 (7). L-Anness I tiegħu jinkludi n-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li l-intestatura 9703 00 00 tagħha tirreferi għall-“[s]kulturi u statwarji oriġinali, ta’ kull materjal”.
B. Id-dritt Daniż
11. Id-dritt Daniż fis-seħħ fiż-żmien li seħħew il-fatti kien jipprovdi li l-“attivitajiet ta’ awtur u ta’ kompożitur kif ukoll kull attività artistika oħra” kienu eżenti mill-VAT.
12. Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-artisti setgħu, “mal-ewwel bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti tal-artist, […] iħallsu t-taxxa relatata ma’ dawn ix-xogħlijiet fuq bażi taxxabbli mnaqqsa”. Il-kunċett ta’ “xogħol tal-arti” kien iddefinit b’riferiment għall-“iskulturi li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 97 03”.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talba għal deċiżjoni preliminari
13. Il-kawża prinċipali hija bejn l-impriża ta’ artist Daniż u l-iSkatteministeriet (il-Ministeru tat-Taxxa, id-Danimarka) dwar it-trattament fiskali ta’ diversi servizzi pprovduti minn din l-impriża lil stabbiliment edukattiv, li jinsab fid-Danimarka. Għalkemm iż-żewġ partijiet iqisu li dawn is-servizzi jifformaw “provvista unika”, huma ma jaqblux b’mod partikolari dwar jekk din il-provvista unika għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi”.
14. L-impriża ssostni li l-provvista unika għandha tiġi ttrattata bħala kunsinna ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112. L-element predominanti ta’ din il-provvista huwa xogħol tal-arti, ikklassifikat bħala “skultura” fis-sens tal-Artikolu 311 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tal-istess direttiva. Il-kunsinna ta’ tali xogħol tal-arti u, konsegwentement, il-provvista unika kollha huma suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT.
15. Il-Ministeru tat-Taxxa jqis, min-naħa l-oħra, li l-impriża pprovdiet provvista ta’ servizzi, eżentata mill-VAT b’applikazzjoni tal-Artikolu 371 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti B tal-Anness X ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-kunsinna tal-padiljuni, is-servizzi inkwistjoni, jiġifieri d-disinn tal-ispazju u l-iżvilupp tiegħu, huma provvisti ta’ servizzi. Jekk jitqies li kien hemm kunsinna ta’ oġġetti għas-servizzi kollha, din il-kunsinna ma jistax ikollha bħala suġġett “skultura”, suġġetta għal rata mnaqqsa ta’ VAT.
16. Peress li l‑Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) qieset li “huwa determinanti li dawn id-domandi jiġu ċċarati sabiex tinsab soluzzjoni għall-kawża pendenti quddiemha”, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:
“ 1) L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ), u l-Artikolu 371, moqrija flimkien mal-punt 2 tal-Parti B tal-Anness X tad-[Direttiva 2006/112], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista minn artist ta’ provvista waħda [unika] kumplessa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi klassifikata bħala provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti] fis-sens tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jew fis-sens li din hija provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 371 u mal-punt 2 tal-Parti B tal-Anness X ta’ din id-direttiva?
2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-provvista għandha titqies bħala provvista ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 [...], l-Artikolu 81(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 103(2)(a) [...], fil-verżjoni tagħhom applikabbli fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, u [...]l-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva u mal-Kodiċi [9703 00 00 tan-Nomenklatura Magħquda], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista [kunsinna] minn artist ta’ oġġett li jkollu karatteristiċi u funzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali [...] tikkostitwixxi provvista ta’ xogħol tal-arti mwettqa mill-artist, fil-forma ta’ skultura oriġinali fis-sens tal-imsemmija direttiva [...]?”.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali
17. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Diċembru 2025. B’applikazzjoni tal-Artikolu 50c tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din it-talba ntbagħtet lill-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.
18. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Daniż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
V. Analiżi ġuridika
19. Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li d-diversi atti u elementi tat-tranżazzjoni inkwistjoni jifformaw provvista unika. Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, hija ma esponietx il-kriterji li ppermettewlha tikkonkludi li kienet teżisti tali provvista u, b’mod partikolari, hija ma ddeċidietx dwar il-karatteristiċi tagħha. Għalhekk, ma huwiex ċar jekk għandux jitqies li “elementi jew atti [...] ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli, li d-diviżjoni tagħha tkun ta’ natura artifiċjali” jew li dawn l-elementi jew atti “ma humiex indipendenti”, minħabba li l-“element wieħed jew iktar ikollhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali filwaqt li, għall-kuntrarju, elementi oħra jkollhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali” (8).
20. Ċertament, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment espliċitament għall-eżistenza ta’ provvista unika “kumplessa”, riferiment li jista’ jkun indizju tal-fatt li hija tqis li inkwistjoni hemm provvisti marbuta b’mod indissoċjabbli iktar milli provvista prinċipali u provvisti anċillari (9). Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tattribwixxix tali portata speċifika għat-terminu “kumpless” (10), b’tali mod li ma hemmx ċertezza dwar il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju.
21. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-determinazzjoni tal-karatteristiċi ta’ provvista unika – determinazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika d-dritt (11)– hija neċessarja sabiex jiġi stabbilit jekk din hijiex kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi (l-ewwel domanda preliminari) (12) u sabiex tiġi ddeterminata t-tassazzjoni tagħha fl-intier tagħha (it-tieni domanda preliminari) (13). B’mod partikolari, ma jidhirlix li huwa possibbli li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tkun taf, speċifikament, jekk l-elementi ta’ provvista unika humiex marbuta b’mod inseparabbli jew jekk għandhomx relazzjoni ta’ natura aċċessorja, tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula, li jeżiġu li tiġi ddeterminata, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura intrinsika ta’ din il-provvista. Fil-fehma tiegħi, din id-determinazzjoni tista’ ssir biss meta r-relazzjonijiet li jikkaratterizzaw id-diversi elementi u atti pprovduti jkunu ġew stabbiliti minn qabel.
22. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li jiġu eżaminati, in limine litis, il-pedamenti tal-premessa sottostanti għad-domandi preliminari (A). Imbagħad, ser neżamina, billi nitlaq minn din il-premessa, il-klassifikazzjoni tal-provvista unika ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi (B). Fl-aħħar nett, peress li nqis li hemm kunsinna ta’ oġġetti, ser nanalizza jekk is-suġġett tal-provvista unika huwiex il-kunsinna ta’ xogħol tal-arti (C).
A. L-eżistenza ta’ provvista unika
1. Tfakkira tal-ġurisprudenza
23. Hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet tal-VAT, kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala separata u indipendenti. Madankollu, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fuq il-livell ekonomiku ma għandhiex tinqasam artifiċjalment sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT. Diversi servizzi formalment separati, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u b’hekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu bħala tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti (14).
24. Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet żewġ każijiet ta’ assenza ta’ indipendenza. Fl-ewwel lok, ikun hemm assenza ta’ indipendenza meta żewġ elementi jew atti jew iktar ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli li d-diviżjoni tagħha tkun ta’ natura artifiċjali. Fit-tieni lok, l-indipendenza tkun nieqsa wkoll meta element wieħed jew iktar għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali filwaqt li, għall-kuntrarju, element jew elementi għandhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali tal-provvista prinċipali (15).
25. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet metodoloġija sabiex tiddetermina jekk diversi provvisti jifformawx ħaġa waħda, skont liema wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet ikun japplika, filwaqt li ppreċiżat li ma teżistix regola assoluta dwar id-determinazzjoni tal-portata ta’ provvista mill-perspettiva tal-VAT (16). Il-punt tat-tluq komuni jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni inkwistjoni mill-perspettiva tal-“konsumatur medju” (17). Ta’ min jinnota li jidher li l-portata eżatta ta’ dan il-kunċett hija kemxejn vag. Sakemm mhux sejjer żball, ma ġiex iddeterminat jekk dan il-kunċett jikkorrispondix għal dak tal-“konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat”, użat fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u fil-qasam tad-dritt tat-trade marks (18). Min-naħa l-oħra, diġà ġie deċiż li l-konsumatur medju huwa persuna li l-aspettattivi tagħha jistgħu jvarjaw skont is-suq nazzjonali kkonċernat (19). Fi kwalunkwe każ, jidher li dan il-konsumatur ma huwiex espert fin, iżda sempliċement destinatarju potenzjali tas-servizzi li għandhom jiġu evalwati (20), filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza għadha ma kkonfermatx dan il-punt (21).
26. Minn naħa, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet inseparabbli, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sensiela ta’ indizji, li tinkludi żewġ tipi ta’ elementi. L-ewwel tip ta’ elementi huma ta’ natura intellettwali u għandhom importanza deċiżiva. Huma intiżi sabiex jistabbilixxu oġġettivament in-natura inseparabbli jew le tal-provvisti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u l-għan ekonomiku tagħha, uniku jew le. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-rabta inseparabbli bejn is-servizzi għandha neċessarjament tkun reċiproka, b’tali mod li waħda tiddependi fuq l-oħra u viċi versa. It-tieni tip ta’ elementi, li ma għandhomx importanza deċiżiva, huma ta’ natura materjali. Jekk ikun il-każ, huma jsostnu l-analiżi tal-ewwel tip ta’ elementi, bħall-aċċess separat jew konġunt għall-provvisti inkwistjoni jew l-eżistenza ta’ fattura waħda jew separata (22).
27. Min-naħa l-oħra, għat-tranżazzjonijiet komposti minn provvisti prinċipali u anċillari, il-kriterju determinanti huwa l-assenza ta’ għan awtonomu ta’ provvista mill-perspettiva tal-konsumatur medju. B’hekk, provvista għandha tiġi kklassifikata bħala anċillari meta din ma tkunx tikkostitwixxi, għall-klijentela, għan fiha nnifisha, iżda mezz sabiex wieħed jibbenefika fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur. Insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur rispettiv ta’ kull waħda mill-provvisti li jikkostitwixxu t-tranżazzjoni ekonomika, b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit jekk waħda hijiex minima, jew saħansitra marġinali, meta mqabbla mal-oħra. Ir-realtà ekonomika u kummerċjali tikkostitwixxi wkoll element rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ kunsinna bħala anċillari jew, għall-kuntrarju, indipendenti (23).
28. Ninnota li teżisti wkoll it-tielet eċċezzjoni għall-prinċipju tal-indipendenza tat-tranżazzjonijiet. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din ma hijiex ibbażata fuq l-assenza ta’ indipendenza, iżda fuq l-effettività sħiħa tal-eżenzjoni ta’ provvista, li teżiġi li l-benefiċċju tagħha jiġi estiż għat-“tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib”, bil-kundizzjoni, madankollu, li d-Direttiva 2006/112 tipprevedi dan espressament (24).
2. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza
29. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika l-għodda ta’ interpretazzjoni li għadni kif ippreżentajt, sabiex tivverifika l-fondatezza tal-premessa tad-domandi tagħha, billi teżamina jekk id-diversi servizzi inkwistjoni kollha jifformawx effettivament provvista unika (25). F’dan il-każ, għar-raġunijiet diġà indikati fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli madankollu neċessarju li mmur lura, b’mod ġenerali, għall-pedamenti ta’ din il-premessa.
30. Qabel ma nibda din l-analiżi, nixtieq nenfasizza li din ser tkun neċessarjament inkompleta, peress li għandha tkun limitata biss għall-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju (26). Barra minn hekk, tali analiżi ma tistax, fil-fehma tiegħi, tkun purament oġġettiva. Fil-fatt, minkejja l-kriterji u l-għodda ta’ interpretazzjoni żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja matul iż-żmien, għad hemm marġni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, li jħalli ċertu spazju għal ġudizzji ta’ valur. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, f’dan il-każ, dawn huma provvisti artistiċi.
31. F’din il-kawża, il-provvisti inkwistjoni jinkludu l-kunsinna ta’ xogħol tal-arti. Dan huwa indikat, fil-kuntratt konkluż bejn l-artist u l-istabbiliment edukattiv, bħala “Skulptur og gårdrum” (skultura u bitħa). Skont l-anness tal-kuntratt, hemm ħames elementi pprovduti mill-artist, jiġifieri spazju b’kisi tal-konkrit u żoni ta’ żrar, padiljuni, skulturi, parti akwatika u siġar. Fih huwa ppreċiżat li l-iskulturi huma “ċiklomuturi”. Barra minn hekk, l-istess anness jinkludi l-impenn tal-artist li jirrinnova l-bay window tal-iskola li tagħti fuq il-bitħa interna fejn jinsab ix-xogħol tal-arti. Il-qorti tar-rinviju, li ssemmi “sensiela ta’ servizzi ddefiniti sew”, donnha tiddistingwi l-kunsinna tax-xogħol tal-arti minn provvisti oħra, mingħajr ma tesponi dak li jaqa’ taħt l-imsemmi xogħol u dak li jikkonċerna biss l-madwar tiegħu jew id-dekorazzjoni tiegħu.
32. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li, minn naħa, l-iżvilupp tal-art, minn tal-inqas sa fejn dan imur lil hinn mill-preparazzjoni tal-pożizzjoni tal-padiljuni li jinkorporaw l-iskulturi (27), u, min-naħa l-oħra, ir-rinnovazzjoni tal-bay window tal-bini tal-istabbiliment edukattiv ma jifformawx parti mix-xogħol tal-arti. Fil-fehma tiegħi, dawn il-provvisti ma humiex interdipendenti. Lanqas ma huwa ċert li dan ix-xogħol jinkludi l-padiljuni li fihom l-artist integra l-iskulturi tiegħu. Barra minn hekk, ma neskludix li konsumatur medju jkun inklinat li jikkunsidra li huma biss l-iskulturi stess li jikkostitwixxu xogħol tal-arti (28), filwaqt li l-padiljuni u l-iżviluppi l-oħra jikkostitwixxu provvisti separati, ta’ natura arkitettonika (29). Għaldaqstant, ma jidhirlix li r-rabta bejn dawn id-diversi elementi tanġibbli hija inseparabbli, b’tali mod li ma jistgħux jifformaw parti, fil-fehma tiegħi, minn tranżazzjoni unika skont l-ewwel eċċezzjoni għall-prinċipju mfakkar fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
33. Min-naħa l-oħra, jidhirli li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li konsumatur medju jista’ jipperċepixxi l-kunsinna tax-xogħol tal-arti inkwistjoni bħala provvista prinċipali, flimkien ma’ provvisti anċillari, b’tali mod li t-tieni eċċezzjoni għall-imsemmi prinċipju tista’ tkun applikabbli.
34. B’mod partikolari, inklinat nikkunsidra li x-xogħlijiet ta’ disinn tax-xogħol ma jikkostitwixxux għan fih innifsu (30). Fir-rigward ta’ xogħol ordnat, ċertament jista’ jkun li l-elaborazzjoni ta’ skizz offra lill-akkwirent futur il-possibbiltà li jkun involut fil-proċess ta’ kreazzjoni, sabiex jiddetermina l-forma tax-xogħol li l-iktar togħġbu. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-possibbiltà hija biss aspett tat-tranżazzjoni inkwistjoni, li donnha tixxejjen mill-provvista predominanti, jiġifieri t-trasferiment ta’ xogħol tal-arti, li jesprimi l-ideat tal-artist u li jiddistingwi ruħu, konsegwentement, minn oġġetti oħra permezz tal-oriġinalità tiegħu (31). Inżid ngħid li jidhirli li, mill-perspettiva ta’ konsumatur medju, il-proċess ta’ ħolqien u l-komunikazzjoni bejn l-artist u x-xerrej futur jistgħu jkunu aspetti sekondarji (32). Fil-fatt, dak li huwa importanti huwa l-akkwist tax-xogħol tal-arti kkompletat.
35. Provvisti oħra, li jseħħu wara l-installazzjoni tax-xogħol tal-arti, jistgħu wkoll ikunu ta’ natura “anċillari” mill-perspettiva ta’ konsumatur medju. B’mod partikolari, l-iżvilupp tal-ispazju madwar il-padiljuni jista’ eventwalment jiġi pperċepit bħala mezz sabiex il-pubbliku jkun jista’ jibbenefika mix-xogħol fl-aħjar kundizzjonijiet. B’kuntrast ma’ dan, ir-rinnovazzjoni tal-bay window tal-istabbiliment edukattiv, anki jekk tista’ tippermetti, fl-aħħar mill-aħħar, li wieħed ikun jista’ jara x-xogħol aħjar minn ġewwa l-bini, tidher li tikkostitwixxi, għall-konsumatur medju, provvista awtonoma mingħajr relazzjoni speċifika max-xogħol tal-arti (33).
36. Ninnota li, fil-każ li kellu jiġi kkunsidrat li x-xogħol tal-arti kkunsinnat jinkludi biss l-iskulturi, jista’ jkun diffiċli li l-installazzjoni tal-padiljuni tiġi kklassifikata bħala provvista anċillari. Fil-fatt, jidher li dawn għandhom ċerta importanza kwantitattiva u kwalitattiva mhux negliġibbli fost id-diversi elementi tanġibbli kkunsinnati.
37. Il-klassifikazzjoni tal-kunsinna tax-xogħol tal-arti bħala provvista prinċipali tidher li hija kkonfermata mill-oriġini tal-proġett imwettaq. Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-istabbiliment edukattiv kiseb, fl‑2014, bini ġdid, li jinkludi spazji esterni, fosthom ġnien. Għalhekk, meta dan l-istabbiliment nieda, fl-istess sena, proċeduri għar-realizzazzjoni ta’ xogħol tal-arti, huwa ma riedx, a priori, jiżviluppa mill-ġdid il-ġnien il-ġdid tiegħu. L-għan imfittex e kien espliċitament ir-realizzazzjoni ta’ xogħol tal-arti li jista’ jorbot l-arkitettura tal-bini mal-attivitajiet ta’ tagħlim.
38. Fir-rigward tal-applikabbiltà tat-tielet eċċezzjoni għall-prinċipju tal-indipendenza tat-tranżazzjonijiet (34), fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li jiġi kkunsidrat bħala stabbilit li l-kunsinna tax-xogħol tal-arti tikkostitwixxi l-provvista prinċipali. Fil-fehma tiegħi, din hija simili għal kunsinna ta’ oġġetti, peress li timplika t-trasferiment tas-setgħa li persuna tiddisponi minn oġġett tanġibbli l-istess bħal proprjetarju, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 (35). Ix-xogħlijiet neċessarji għall-installazzjoni tiegħu jidhirli li huma effettivament sekondarji f’dan ir-rigward u għalhekk jagħmlu parti mill-kunsinna (36). Sakemm mhux sejjer żball, din il-kunsinna ta’ oġġetti ma hija koperta minn ebda eżenzjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 81 u 103 tad-Direttiva 2006/112, li jippermettu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT, ma jeżiġux li dan il-benefiċċju jiġi estiż għal “tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib”. Għaldaqstant, ma tistax tiġi prevista applikazzjoni, b’analoġija, tat-tielet eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ indipendenza tat-tranżazzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-estensjoni tar-rata mnaqqsa lil hinn mill-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti espliċitament imsemmija tidher li tmur kontra l-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT (37).
39. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena inklinat li nikkunsidra li t-tranżazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala provvista unika, komposta minn provvista prinċipali, jiġifieri l-kunsinna ta’ xogħol tal-arti, u minn provvista anċillari waħda jew iktar (38). Nipproponi li l-analiżi tad-domandi magħmula titkompla abbażi ta’ din il-premessa.
B. Il-klassifikazzjoni tal-provvista unika
40. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tiddetermina jekk it-tranżazzjonijiet li hija tikklassifika bħala provvista unika “kumplessa” għandhomx jiġu kklassifikati, komplessivament, bħala kunsinni ta’ oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi, fis-sens, rispettivament, tal-Artikoli 14 u 24 tad-Direttiva 2006/112 (39).
1. Tfakkira tal-ġurisprudenza
41. Mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” jirreferi għat-trasferiment tas-setgħa li persuna tiddisponi minn oġġett tanġibbli l-istess bħal proprjetarju. Dan il-kunċett jinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra tiddisponi fil-fatt minn dan l-oġġett bħallikieku kienet il-proprjetarja tiegħu. Barra minn hekk, mill-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva jirriżulta li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” jkopri kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix “kunsinna ta’ oġġetti” (40).
42. F’dak li jirrigwarda b’mod speċifiku l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet li għandhom bħala suġġett ir-realizzazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti, mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja jirriżulta li dan ikklassifika bħala provvista ta’ servizzi l-manifattura ta’ xogħlijiet fuq ordni, bħal pittura (fiżika), meta min jagħmel l-ordni jkun il-proprjetarju tagħhom sa mill-bidu (41). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rriproduċietx din id-distinzjoni fis-sentenza tagħha mogħtija fl-istess kawża, billi ddeċidiet li l-kunsinna ta’ xogħol tal-arti, mill-artist innifsu, tikkostitwixxi l-kunsinna ta’ oġġetti (42). Fi kwalunkwe każ, inqis li għandhom jintużaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni normali, li jimplika li għandhom jiġu ddeterminati, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, l-elementi li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni b’mod predominanti. Fil-fehma tiegħi, b’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, ir-realizzazzjoni ta’ pittura għandha tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ oġġetti fil-parti l-kbira tal-każijiet. Dak li jgħodd, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-pussess tar-riżultat tanġibbli li joħroġ mill-proċess artistiku (43). Il-mument tat-trasferiment tal-proprjetà ma jidhirlix li huwa rilevanti f’dan ir-rigward (44).
43. Sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista unika għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi”, għandha ssir, skont il-ġurisprudenza, evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni sabiex jiġu identifikati l-elementi karatteristiċi tagħha u sabiex jiġu identifikati l-elementi predominanti tagħha. Din l-evalwazzjoni tinvolvi tip ta’ analiżi komparattiva, mill-ġdid mill-perspettiva tal-konsumatur medju, tal-importanza tal-elementi ta’ provvista ta’ servizzi meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt kunsinna ta’ oġġetti. F’dan il-kuntest, iktar għandha tingħata importanza lill-kriterji kwalitattivi milli lill-kriterji kwantitattivi (45).
44. Din il-metodoloġija hija, fil-fehma tiegħi, intiża sabiex tiddetermina n-natura tal-provvisti uniċi li huma kkaratterizzati mir-rabtiet inseparabbli li jeżistu bejn id-diversi elementi u atti li jikkomponuhom (46). Minn naħa l-oħra, din il-metodoloġija hija ta’ inqas interess fil-preżenza ta’ provvista prinċipali, akkumpanjata minn provvisti anċillari (47). Fil-fatt, f’tali każ, l-elementi karatteristiċi u l-elementi predominanti tat-tranżazzjoni diġà ġew identifikati, u dan ippermetta li jiġi konkluż li kien hemm relazzjoni ta’ aċċessorjetà bejn dawn l-elementi u l-provvisti l-oħra li jikkostitwixxu l-imsemmija tranżazzjoni (48). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ripetutament li provvisti anċillari jikkondividu l-istess trattament fiskali tal-provvista prinċipali (49).
2. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza
45. Fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, esponejt il-motivi li jwassluni sabiex nemmen li, f’dan il-każ, il-kunsinna ta’ xogħol tal-arti tikkostitwixxi l-provvista prinċipali, akkumpanjata minn provvisti anċillari. Irrilevajt ukoll li ċerti provvisti, bħar-rinnovazzjoni tal-bay window tal-istabbiliment edukattiv, ma humiex neċessarjament parti mill-provvista unika.
46. Fid-dawl tal-istess motivi u fid-dawl tal-ġurisprudenza miġbura fil-qosor fil-punti 41 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li s-suġġett tal-provvista prinċipali, kemm jekk tirrigwarda l-kostruzzjoni tal-padiljuni u tal-iskulturi mqiegħda fuqhom jew biss l-installazzjoni ta’ dawn l-iskulturi, huwa l-kunsinna ta’ oġġetti.
47. Barra minn hekk, fil-każ fejn ikollu jitqies li x-xogħol tal-arti inkwistjoni jinkludi mhux biss l-iskulturi, iżda wkoll il-padiljuni, is-suġġett tal-kunsinna tiegħu jista’ jkun il-“bini”, jiġifieri, skont id-definizzjoni wiesgħa prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/112, “kull struttura fissa ma’ jew fl-art” (50). Din iċ-ċirkustanza tenfasizza, fil-fehma tiegħi, iktar in-natura tanġibbli tat-tranżazzjoni (51).
48. Fl-aħħar nett, il-fatt, enfasizzat mill-Gvern Daniż, li x-xogħol inkwistjoni “ġie ddisinjat speċjalment billi ttieħed inkunsiderazzjoni l-ambjent fiżiku ta’ min għamel l-ordni” u li dan ix-xogħol “jifforma parti integrali mill-ispazju estern ta’ min għamel l-ordni”, ma jidhirlix li huwa determinanti għall-finijiet tal-eżami tan-natura tal-provvista. Kif diġà ġie rrilevat fil-punti 33 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li, għal konsumatur medju, l-element predominanti tat-tranżazzjoni huwa l-kunsinna fiżika tax-xogħol.
49. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 14(1) u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li provvista unika, komposta minn provvista prinċipali, jiġifieri l-provvista fiżika ta’ xogħol tal-arti, u minn provvista anċillari waħda jew iktar, għandha tiġi kklassifikata bħala “kunsinna ta’ oġġetti”.
C. Is-suġġett tal-provvista unika
50. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk is-suġġett tal-provvista unika kklassifikata, b’risposta għall-ewwel domanda, bħala “kunsinna ta’ oġġetti”, huwiex il-provvista ta’ “xogħol tal-arti”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva 2006/112. Fi kliem ieħor, hija tistedinna niddeterminaw jekk, u jekk ikun il-każ, skont liema kriterji, provvista unika, għalkemm komposta minn diversi elementi u atti, tistax tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ tali oġġett. Barra minn hekk, din id-domanda tidher li hija intiża wkoll sabiex tikseb preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-kunċett ta’ “xogħol tal-arti”.
51. Jekk mhux sejjer żball, il-qorti tar-rinviju trid għalhekk li jiġi ddeterminat jekk il-provvista unika inkwistjoni tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 103 tad-Direttiva 2006/112, sa fejn dawn l-artikoli jippermettu, permezz ta’ tnaqqis tal-ammont tal-ammont taxxabbli, li tiġi applikata rata mnaqqsa għall-kunsinna ta’ oġġetti tal-arti. Min-naħa l-oħra, din il-qorti ma tidhirx li qiegħda tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fl-affermattiv, il-provvista unika inkwistjoni tistax effettivament tkun suġġetta għal rata mnaqqsa tal-VAT fl-intier tagħha (52).
1. Tfakkira tal-ġurisprudenza
52. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tas-suġġett tagħha, provvista unika, komposta minn provvista prinċipali u minn provvista anċillari waħda jew iktar, tistax taqa’ taħt dispożizzjoni li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti tranżazzjonijiet, huwa biss is-suġġett tal-provvista prinċipali li huwa determinanti (53). Dan il-fatt jikkorrispondi għall-prinċipju li jgħid li l-provvisti anċillari jikkondividu l-istess trattament fiskali tal-provvista prinċipali (54). Il-metodoloġija żviluppata b’dan il-mod tilħaq il-limiti tagħha meta provvista unika ma tinkludix provvista prinċipali waħda, iżda tkun komposta minn diversi provvisti ekwivalenti kif ukoll minn provvisti anċillari (55).
53. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “xogħol tal-arti”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 311 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness IX tagħha, jiddefinixxi dan il-kunċett kemm għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għal dik tar-rata mnaqqsa tal-VAT. Id-diversi punti ta’ dan l-anness jiddeskrivu b’mod iddettaljat il-kundizzjonijiet li l-kategoriji ta’ xogħlijiet tal-arti li huma jkopru għandhom jissodisfaw. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti jistabbilixxu eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Madankollu, minn dan ma jsegwix li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħad din ir-rata mill-effetti tagħha. B’mod iktar ġenerali, il-kunċetti adottati mid-Direttiva 2006/112 huma ta’ natura oġġettiva u japplikaw indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (56).
54. F’dan il-każ, ix-xogħol tal-arti inkwistjoni jidher li jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “xogħol tal-arti” bħala “skultura”. Dan l-aħħar kunċett huwa ddefinit fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112. Il-kriterji stabbiliti fih jirrigwardaw b’mod partikolari l-identità u l-kwalità tal-awtur tax-xogħol kif ukoll il-proċess ta’ produzzjoni (57). Id-definizzjoni tinkludi, barra minn hekk, riferiment għall-intestatura 9703 00 00 tan-NM, li tirreferi għall-“[s]kulturi u statwarji oriġinali, ta’ kull materjal”.
55. Din l-intestatura diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Wara li ċċarat li l-intestaturi tal-Kapitolu 97 tan-NM għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’, hija ddeċidiet li l-kunċetti ta’ “arti statwarja” u ta’ “skulturi” jirreferu għall-produzzjonijiet tridimensjonali tal-arti kollha, irrispettivament, barra minn hekk, mit-tekniki u l-materjali użati. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għall-produzzjonijiet tal-arti statwarja u tal-iskultura, in-natura artistika essenzjali tikkonsisti fil-formazzjoni tal-forma tridimensjonali (58).
56. Barra minn hekk, l-intestatura 9703 00 00 tan-NM, tkopri biss ix-xogħlijiet tal-arti “oriġinali”, li huma differenti b’mod partikolari minn oġġetti dekorattivi, li jaqgħu taħt il-Kapitolu 83 tan-NM. Min-naħa l-oħra, in-natura artistika tax-xogħol ma hijiex rilevanti peress li dan huwa kriterju suġġettiv, inkompatibbli mal-klassifikazzjoni tariffarja. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn xogħlijiet tal-arti u xogħlijiet artiġjanali u kummerċjali. Dawn tal-aħħar jinsabu, kuntrarjament għal dawk tal-ewwel, f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ oġġetti oħra simili, immanifatturati b’mod industrijali jew artiġjanali (59).
2. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza
57. Infakkar li, għall-finijiet tal-analiżi tiegħi, jiena nibbaża ruħi fuq il-premessa li l-kunsinna ta’ xogħol tal-arti tikkostitwixxi l-provvista prinċipali tat-tranżazzjoni unika inkwistjoni (60). Madankollu, kif enfasizzajt fil-punti 31, 32, 36 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fid-dawl tal-elementi fattwali li għandha l-Qorti Ġenerali, ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk ix-xogħol tal-arti inkwistjoni jinkludix ukoll, minbarra l-iskulturi dderivati minn muturi, il-padiljuni li jsostnu dawn l-iskulturi. taqa’, fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni (61).
58. Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-suġġett tal-provvista unika inkwistjoni huwiex il-kunsinna ta’ “xogħol tal-arti”, fis-sens tal-Artikoli 81, 103 u 311 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva, għandu jiġi mistoqsi jekk ix-xogħol tal-arti kkunsinnat lill-istabbiliment edukattiv, bħala provvista prinċipali, jikkostitwixxix tali xogħol. Min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi tal-provvisti anċillari ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi.
59. Jidhirli li r-risposta hija pjuttost evidenti fir-rigward tal-partijiet tal-muturi. Fil-fehma tiegħi, dawn huma skulturi tridimensjonali, li nassumi li ssawru mill-artist u li jirriflettu l-ideat u l-kunċetti estetiċi tiegħu. Fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li dawn ix-xogħlijiet jaqgħu taħt il-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112 u jikkostitwixxu, għaldaqstant, xogħolijiet tal-arti.
60. Il-fatt li l-partijiet tal-muturi huma integrati fil-padiljuni installati fil-bitħa interna tal-istabbiliment edukattiv ma huwiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li jinvalida din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, in-natura mobbli jew immobbli ta’ skultura la tagħmel parti mill-kriterji stabbiliti fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, u lanqas minn dawk previsti fl-intestatura 9703 00 00 tan-NM, li għaliha jagħmel riferiment dan il-punt 3. Barra minn hekk, inklinat li nikkunsidra li, skont il-lingwaġġ ta’ kuljum, ftit jimporta li skultura tkun ankrata fl-art jew xi mkien ieħor u li anki oġġetti ta’ daqs, bħal dar, jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali (62).
61. Min-naħa l-oħra, mhux konvint li l-padiljuni inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala xogħol tal-arti, imsemmi fil-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, u, b’mod partikolari, bħala skultura, fis-sens tal-punt 3 tal-Parti A ta’ dan l-anness. Kif diġà ġie espost, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-intestatura 9703 00 00 tan-NM, li għaliha jagħmel espliċitament riferiment dan il-punt 3, jirriżulta li x-xogħlijiet artiġjanali u kummerċjali ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “skultura”, minħabba li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ oġġetti oħra simili, immanifatturati b’mod industrijali jew artiġjanali. In-nota introduttorja Nru 4 tal-Kapitolu 97 tan-NM tikkonferma espliċitament li l-intestatura 9703 00 00 ma tinkludix l-iskulturi meta, bħala xogħlijiet artiġjanali, dawn ikunu ta’ natura kummerċjali u dan anki meta jkunu ġew iddisinjati jew maħluqa minn artisti. Barra minn hekk, in-nota ta’ spjegazzjoni dwar l-intestatura 9703 tas-Sistema Armonizzata (SA) (63), li tikkorrispondi għall-istess intestatura fin-NM, tidher li tiddistingwi l-iskulturi mix-xogħlijiet arkitettoniċi.
62. Ma neskludix li, skont dawn il-kriterji, il-padiljuni inkwistjoni ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala xogħlijiet tal-arti, iżda bħala xogħlijiet artiġjanali. F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-padiljuni nbnew bil-konkrit, ta’ kulur terrakotta, u li jinkludu mwejjed u bankijiet integrati. Dawn l-aħħar indikazzjonijiet iwassluni biex naħseb li l-padiljuni jservu bħala kenn jew post ta’ serħan u li, bħala tali, jistgħu jikkostitwixxu xogħol arkitettoniku, immanifatturat b’mod artiġjanali. Madankollu, ma nistax nagħmel evalwazzjoni definittiva fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi. Ninnota, barra minn hekk, li tali evalwazzjoni tista’, kif turi l-kawża tagħna, tqajjem diffikultajiet kbar, dovuti għall-assenza ta’ konfini ċari bejn l-arkitettura u l-arti tal-iskultura (64).
63. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jistgħu jiġu previsti diversi ipoteżi.
64. Qabel kollox, li kieku x-xogħol tal-arti inkwistjoni kien jinkludi biss l-iskulturi, jiġifieri l-partijiet tal-muturi, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala xogħol tal-arti bħala skultura, fis-sens tal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112, ma kienet toħloq ebda dubju. Din il-klassifikazzjoni tippermetti li l-provvista unika tiġi ttrattata bħala l-kunsinna ta’ tali oġġett, bil-kundizzjoni madankollu li l-installazzjoni tal-pavaljuni tikkostitwixxi provvista anċillari (65).
65. Sussegwentement, li kieku l-provvista ta’ dawn il-padiljuni u dik tax-xogħol tal-arti, li tinkludi biss l-iskulturi, kienu provvisti kkombinati, ta’ importanza ekwivalenti, ikun meħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ ipoteżi. Minn naħa, il-provvista unika li huma jifformaw flimkien mal-provvisti anċillari marbuta tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 103 tad-Direttiva 2006/112 biss jekk kemm l-iskulturi kif ukoll il-padiljuni jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala oġġetti tal-arti. Min-naħa l-oħra, jekk din il-klassifikazzjoni tkun irriżervata biss għall-iskulturi, is-suġġett tal-provvista unika ma jistax ikun il-kunsinna ta’ tali oġġett (66).
66. Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jimponi li l-każ effettivament paragunabbli tal-kunsinna ta’ xogħol tal-arti uniku, kompost minn xogħol tal-arti u minn oġġett ta’ natura oħra jiġi ttrattat bl-istess mod bħat-tieni ipoteżi eżaminata fil-punt preċedenti (67). Jekk iż-żewġ elementi tat-tranżazzjoni jkunu marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun predominanti fuq l-ieħor, wieħed ma jistax jikklassifika din il-globalità bħala xogħol tal-arti, peress li wieħed minnhom biss jissodisfa l-kriterji previsti fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva 2006/112. Interpretazzjoni kuntrarja tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għax-xogħlijiet tal-arti u tkun testendi indebitament il-benefiċċju ta’ tali rata għal oġġetti oħra (68). Minn dan isegwi li jekk ix-xogħol tal-arti inkwistjoni jinkludi mhux biss l-iskulturi tal-muturi, iżda wkoll il-padiljuni, dan ix-xogħol jista’ jiġi kklassifikat bħala xogħol tal-arti biss meta l-padiljuni stess jissodisfaw din il-klassifikazzjoni (69).
67. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 81, 103 u 311 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– il-kunsinna ta’ “xogħol tal-arti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tista tkun is-suġġett ta’ provvista unika, bil-kundizzjoni li l-elementi kollha li jifformaw il-provvista jew il-provvisti prinċipali jissodisfaw il-kriterji tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, u
– ix-xogħlijiet tal-arti huma differenti mix-xogħlijiet artiġjanali u kummerċjali, li jinsabu, kuntrarjament għal dawn ix-xogħlijiet, f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ oġġetti oħra simili, immanifatturati b’mod industrijali jew artiġjanali.
VI. Konklużjoni
68. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata lill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) tkun kif ġej:
1) l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/61/UE tas‑17 ta’ Diċembru 2013,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
provvista unika, komposta minn provvista prinċipali, jiġifieri l-provvista fiżika ta’ xogħol tal-arti, u minn provvista anċillari waħda jew iktar, għandha tiġi kklassifikata bħala “kunsinna ta’ oġġetti”.
2) L-Artikoli 81, 103 u 311 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– il-kunsinna ta’ “xogħol tal-arti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tista tkun is-suġġett ta’ provvista unika, bil-kundizzjoni li l-elementi kollha li jifformaw il-provvista jew il-provvisti prinċipali jissodisfaw il-kriterji tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, u
– ix-xogħlijiet tal-arti huma differenti mix-xogħlijiet artiġjanali u kummerċjali, li jinsabu, kuntrarjament għal dawn ix-xogħlijiet, f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ oġġetti oħra simili, immanifatturati b’mod industrijali jew artiġjanali.
José Martín y Pérez de Nanclares
Ippreżentati f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Ottubru 2026.
Firem
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Konklużjonijiet fil-kawża Onnasch (155/84, mhux ippubblikati, EU:C:1985:135, p. 1453).
3 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).
4 Direttiva tal-Kunsill 2013/61/UE tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi u b’mod partikolari l-Majott (ĠU 2013, L 353, p. 5).
5 Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/542 tal‑5 ta’ April 2022 li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u (UE) 2020/285 fir-rigward tar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2022, L 107, p. 1).
6 Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382).
7 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2014 L 100, p. 13).
8 Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Brose Prievidza (C‑234/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brose Prievidza”, EU:C:2025:831, punti 53 u 54).
9 Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2020:855, punt 21), l-Avukata Ġenerali Kokott ipproponiet kategorizzazzjoni f’dan is-sens.
10 Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2010, Graphic procédé (C‑88/09, EU:C:2010:76, punt 24), u Brose Prievidza (C‑234/24, punt 60). Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová (C‑432/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Baštová”, EU:C:2016:855, punti 72, 75 u 76), kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Határ Diszkont (C‑427/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Határ Diszkont, EU:C:2025:596, punt 46).
11 Is-sentenza Brose Prievidza (C‑234/24, punt 55). B’mod iktar ġenerali, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 56).
12 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (C‑282/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej”, EU:C:2023:312, punt 35).
13 Ara s-sentenza Baštová (C‑432/15, punti 70 sa 72, 75 u 76). Ninnota li, skont iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun hemm b’mod eċċezzjonali tassazzjoni selettiva tad-diversi elementi ta’ provvista unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Talacre Beach Caravan Sales, C‑251/05, EU:C:2006:451, punt 24 u tal‑5 ta’ Marzu 2026, J-GmbH et (Applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT), C‑409/24 sa C‑411/24, EU:C:2026:149, punt 75).
14 Sentenza Határ Diszkont (C‑427/23, punti 37 u 38).
15 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito (C‑581/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Frenetikexito”, EU:C:2021:167, punti 38 u 40), Határ Diszkont (C‑427/23, punti 39 u 40), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża D.B. (T‑366/25, EU:T:2026:347, punti 77 sa 80). Madankollu, fis-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Graphic Procedure (C‑88/09, EU:C:2010:76, punti 24 u 25), iż-żewġ każijiet ġew imħallta.
16 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, KPC Herning (C‑71/18, EU:C:2019:660, punt 39).
17 Sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 29), u Frenetikexito (C‑581/19, punti 39 u 41).
18 Ara, għal dan il-kunċett, bħala eżempju, fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 33), u, fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Ornua (C‑93/16, EU:C:2017:571, punti 41 u 42).
19 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, K (C‑219/13, EU:C:2014:2207, punt 30), u tad‑9 ta’ Novembru 2017, AZ (C‑499/16, EU:C:2017:846, punti 31 sa 35).
20 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C‑18/12, EU:C:2013:95, punti 33 sa 36). Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Deutsche Bank (C‑44/11, EU:C:2012:276, punt 27), l-Avukata Ġenerali Sharpston tidher li tikkunsidra li l-konsumatur medju għandu jiġi evalwat skont it-tip ta’ provvisti inkwistjoni.
21 Ara, għal evalwazzjoni reċenti tal-kunċett ta’ “konsumatur medju” fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Merkel, C, “Rechtsanwendung im Mehrwertsteuerrecht. Methodik undGrenzen richtlinienkonformer Auslegung”, Umsatzsteuer-Rundschau, Nru 17, 2025, p. 641 sa 647 (p. 644 u 645).
22 Sentenzi Frenetikexito (C‑581/19, punt 39), u Határ Diszkont (C‑427/23, punt 47).
23 Sentenzi Frenetikexito (C‑581/19, punti 41 u 42), u Brose Prievidza (C‑234/24, punt 69).
24 Sentenzi Frenetikexito (C‑581/19, punti 41 u 42), u Brose Prievidza (C‑234/24, punt 69).
25 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Határ Diszkont (C‑427/23, punt 45).
26 Id-dokumenti li jinsabu fil-proċess nazzjonali tal-qorti tar-rinviju jinkludu iktar informazzjoni dwar l-elementi pprovduti. Madankollu, fl-assenza ta’ notifika ta’ dan il-proċess lill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu jċaħħad lil dawn il-persuni kkonċernati mill-possibbiltà tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Frar 2022, Leonardo, C‑550/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:139, punt 14).
27 Il-preparazzjoni tal-pedament u tal-art tal-padiljuni tidher li tagħmel parti mill-kunsinna tagħhom, bħala servizzi neċessarji għall-installazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C‑111/05, EU:C:2007:195, punti 34 u 35, kif ukoll Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C‑282/22, punt 37).
28 Dawn l-iskulturi jfakkruna fir-“ready-mades” ta’ Marcel Duchamp. Ara, f’dan ir-rigward, SEMin, D., Ready-Made, Encyclopædia Universalis, 2026 (disponibbli onlajn).
29 Ara, f’dak li jirrigwarda n-natura tal-padiljuni, il-punti 61 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
30 Min-naħa l-oħra, jiena xettiku li wieħed jista’ jikklassifika, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-disinn tax-xogħol bħala “servizz minimu li jakkumpanja neċessarjament il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu”, li għalhekk jiġi ttrattat bħala parti integrali mill-kunsinna. Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
31 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien (C‑231/94, EU:C:1996:184, punt 14). Ara wkoll il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
32 Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti meta l-proċess ta’ ħolqien tax-xogħol innifsu jiġi pperċepit bħala provvista artistika (ara, b’mod partikolari, l-“action painting” ta’ Jackson Pollock jew il-ħolqien ta’ xogħlijiet fil-kuntest ta’ “happenings”, minn Günter Brus u Hermann Nitsch, bħala rappreżentanti tal-“Wiener Aktionismus”).
33 F’dan is-sens, huwa dubjuż li l-ewwel reazzjoni ta’ konsumatur medju tista’ tkun li jaħseb li r-rinnovazzjoni tal-bay window hija biss jew prinċipalment iggwidata mix-xewqa li jiġi ammirat aħjar xogħol tal-arti. Kunsiderazzjonijiet dwar il-konservazzjoni tal-bini jew il-modernizzazzjoni tiegħu jidhru, f’dan ir-rigward, ħafna iktar plawżibbli.
34 Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (C‑282/22, punt 33) u punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
36 Ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Bog et (C‑497/09, C‑499/09, C‑501/09 u C‑502/09, EU:C:2011:135, punt 63).
37 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Regards Photographiques (C‑145/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Regards Photographiques”, EU:C:2019:668, punt 32).
38 Infakkar li, fil-fehma tiegħi, ir-rinnovazzjoni tal-bay window tidher li hija provvista awtonoma. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji.
39 Din id-domanda tirrigwarda wkoll l‑Artikolu 371 u l‑punt 2 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112, li jipprevedu l-eżenzjoni fakultattiva tal-provvisti tal-artisti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhirlix li huma rilevanti, sa fejn dawn jistgħu japplikaw biss jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni kellha effettivament tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizzi.
40 Ara s-sentenza Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (C‑282/22, punti 33 u 34).
41 C‑169/00, EU:C:2001:477, punti 26 u 41.
42 Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑169/00, EU:C:2002:149, punti 35 u 37). Min-naħa l-oħra, ma naħsibx li s-sentenza Regards Photographiques (C‑145/18) tipprovdilna indizji. Fil-punt 30 tagħha, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet li r-ritratti stampati jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet tal-arti”. Madankollu, hija ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-kunsinna tagħhom kinitx tikkostitwixxi provvista unika flimkien mat-teħid tar-ritratti u, jekk ikun il-każ, jekk din il-provvista kellhiex dejjem tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ oġġetti.
43 Is-sitwazzjoni hija differenti għax-xogħlijiet intanġibbli, bħal per eżempju, xogħlijiet diġitali, li, mingħajr medium fiżiku, ma jistgħux ikunu oġġetti tanġibbli fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑502/13, EU:C:2015:143, punt 42, u tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 50).
44 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2025, MS KLJUČAROVCI (T‑646/24, EU:T:2025:1081, punt 45), li minnha jirriżulta li l-“kunsinna ta’ oġġetti” ma tiddependix mit-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom tad-dritt nazzjonali.
45 Ara s-sentenza Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (C‑282/22, punt 35).
46 Ara, bħala eżempju, is-sentenza Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (C‑282/22, punti 32 u 35).
47 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Stock’ 94 (C‑208/15, EU:C:2016:936, punti 31 sa 37), tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Deco Proteste –Editores (C‑505/22, EU:C:2023:731, punti 25 sa 30). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Bog et (C‑497/09, C‑499/09, C‑501/09 u C‑502/09, EU:C:2011:135, punti 56 kif ukoll 61 et seq.).
48 Ara b’mod partikolari l-punti 25 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
49 Is-sentenza Brose Prievidza (C‑234/24, punt 54).
50 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, KPC Herning (C‑71/18, EU:C:2019:660, punt 54).
51 Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C‑111/05, EU:C:2007:195, punt 35). Ninnota, barra minn hekk, li l-klassifikazzjoni tal-padiljuni bħala “bini” hija rilevanti biss għall-issuġġettar tat-tranżazzjonijiet imwettqa fuq bażi okkażjonali u li din il-klassifikazzjoni ma teskludix li dawn il-padiljuni jiġu kklassifikati wkoll bħala “xogħol tal-arti” għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ tassazzjoni.
52 Ara l-punt 21 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
53 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Baštová (C‑432/15, punti 74 sa 76), tat‑22 ta’ Settembru 2022, The Escape Center (C‑330/21, EU:C:2022:719, punti 33, 34 u 41), kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2026, J-GmbH et (Applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT) (C‑409/24 sa C‑411/24, EU:C:2026:149, punti 45 u 46). Ara, għall-applikazzjoni tal-istess prinċipju għall-eżenzjonijiet, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Finanzamt X (Għodod u makkinarju installat b’mod permanenti) (C‑516/21, EU:C:2023:372, punti 32, 33 u 38).
54 Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
55 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Baštová (C‑432/15, punt 75), u tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK) (C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 42).
56 Is-sentenza Regards Photographiques (C‑145/18, il-punti 26, 27, 32, 33 u 45).
57 Ara, b’analoġija, is-sentenza Regards Photographiques (C‑145/18, punt 34).
58 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1985, Onnasch (C‑155/84, EU:C:1985:207, punti 7 sa 9) u tat‑8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, EU:C:1990:386, punti 30 u 34).
59 Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1990, Farfalla Flemming (C‑228/89, EU:C:1990:318, punti 12, 14, 16, u 18 sa 20) u tat‑8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, EU:C:1990:386, punt 28).
60 Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
61 Ara b’mod partikolari l-punti 21 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
62 Ara, pereżempju, Diccionario de la Lengua Española, Real Academia Española, 2026 (verżjoni 23.8.1, disponibbli online) kif ukoll Le Petit Robert de la langue française, Le Robert, 2026 (disponibbli online), li jinkludu definizzjonijiet wiesgħa. Ara wkoll id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sculpture” f’Clarke, M The Concise Oxford Dictionary of Art Terms, it-2 edizzjoni, Oxford University Press, 2010: “A work of art carried out in three dimensions. There are four basic processes: carving (in stone, wood, etc); modelling in clay; modelling in clay or wax and then casting in bronze; constructing – a 20th-century development originating with the Cubist constructions of Picasso made from scrap materials glued together”. Ara, fl-aħħar nett, l-iskulturi tal-artist Erwin Wurm fuq https://www.erwinwurm.com/artworks/outdoor-sculptures, fosthom, b’mod partikolari, dar imsemmna, imsejħa “Fat House”.
63 Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988). Din il-konvenzjoni ġiet approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
64 Ara Texier, S., “Le béton matière d’art: architecture et arts visuels au XXe siècle, Histoire de l’art, nru 72, 2013, p. 21 sa 33 (p. 27), li jinnota b’mod partikolari li “[w]ara l-1945, huwa bl-iskultura li l-kreazzjoni arkitettonika tiddjaloga l-iktar”.
65 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, The Escape Center (C‑330/21, EU:C:2022:719, punti 33 u 41). Ara r-riżervi tiegħi f’dan ir-rigward fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
66 Ara, b’analoġija, is-sentenza Baštová (C‑432/15, punt 75).
67 Pereżempju, wieħed jista’ jaħseb f’bust li jkun imqiegħed fuq bażi magħmula apposta mill-artist.
68 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK) (C‑231/19, EU:C:2020:513, punti 30, 32, 42 u 44 sa 49).
69 Ara, a contrario, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank (C‑44/11, EU:C:2012:484, punti 38 sa 43 u 45).